- X'inhi l-Eurofound?
- X'tagħmel l-Eurofound?
- Kif inhi organizzata l-Eurofound?
- X'approcc tieħu l-Eurofound għall-attivitajiet tagħha?
- L-Eurofound twettaq riċerka fuq talba?
- Min iħallas għall-Eurofound?
- Ix-xogħol tal-Eurofound jigi evalwat?
- Kif nista' nsir naf iktar?
- Kif nista' mmur l-Eurofound?
- Il-faċilitajiet tal-Eurofound huma disponibbli għall-kiri?
X'inhi l-Eurofound?
Il-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound) hija Aġenzija tripartitika tal-Unjoni Ewropea, bl-irwol li tipprovdi għarfien fil-qasam tal-politika soċjali u dik relatata max-xogħol. L-Eurofound kienet stabbilita fl-1975 bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1365/75, biex tikkontribwixxi fl-ippjanar u t-tfassil ta’ kondizzjonijiet aħjar tal-ħajja u tax-xogħol fl-Ewropa.
X'tagħmel l-Eurofound?
Il-ħidma ċentrali tal-Eurofound hija kemm ir-riċerka kif ukoll il-komunikazzjoni tar-riżultati ta' dik ir-riċerka. Twettaq proġetti ta' riċerka u żvilupp sabiex tipprovdi dejta u analiżi bil-għan li tinforma u tappoġġja t-tiswir tal-politika tal-UE dwar il-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol. L-Eurofound għandha netwerk ta' esperti fi ħdan l-Ewropa li jwettqu riċerka f'isimha, inklużi l-valutazzjoni tas-sitwazzjonijiet nazzjonali attwali, it-tħejjija ta' studji tal-każ u rapporti nazzjonali u t-twettiq ta' stħarriġ.
Bħala parti mill-bażi ta' riċerka tagħha, l-Eurofound iżżomm għadd ta' għodod ta' monitoraġġ:
- L-Istħarriġ Ewropew dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol (EWCS)
- L-Istħarrig Ewropew dwar il-Kwalità tal-Ħajja (EQLS)
- L-Istħarrig Ewropew dwar il-Kumpaniji (ECS)
- L-Osservatorji Ewropej dwar ir-relazzjonijiet industrijali u l-kondizzjonijiet tax-xogħol
- Iċ-Ċentru Ewropew ta' Monitoraġġ dwar il-Bidla
Kif inhi organizzata l-Eurofound?
L-Eurofound hija amministrata minn Bord tat-Tmexxija magħmul minn rappreżentanti ta' gvernijiet, impjegaturi u ħaddiema ta' kull Stat Membru u tliet rappreżentanti mill-Kummissjoni Ewropea. Din ir-rappreżentazzjoni tal-gvernijiet u l-imsieħba soċjali tirrifletti n-natura tripartita tal-ħidma tal-organizzazzjoni. Il-Bord jiltaqa' darba fis-sena biex jiddeciedi dwar il-politika, jadotta l-programm ta' ħidma u jipproponi l-abbozz tal-bagit.
Il-persunal jinġieb minn għadd ta' Stat Membri u fostu hemm firxa wiesgħa ta' esperjenza u sfond professjonali. Minn żmien għal żmien, numru żgħir ta' esperti jigu sekondati minn amministrazzjonijiet nazzjonali.
L-Eurofound għandha wkoll Uffiċċju ta' Kollegament fi Brussell, bir-rwol doppju ta' tisħiħ tal-viżibilità u l-impatt tar-riċerka tal-Eurofound fil-livell tal-UE, kif ukoll il-monitoraġġ tal-iżviluppi fit-tfassil tal-politika.
X'approcc tieħu l-Eurofound għall-attivitajiet tagħha?
Kull erba' snin, l-Eurofound tirrevedi l-istrateġija tagħha u l-orjentazzjoni li għandha tagħti lill-ħidma tagħha u wara konsultazzjoni mifruxa tħejji programm kontinwu. F'Ġunju 2012 ġie adottat pogramm ġdid mifrux fuq erba' snin, 2013 - 2016, bl-isem Mill-kriżi għall-irkupru: Politiki informati aħjar għal Ewropa kompetittiva u ġusta. Fi ħdan il-kuntest tal-programm ta' erba' snin, il-Bord iħejji u jipproponi għal adozzjoni programm ta' ħidma annwali dettaljat.
Il-programmi huma r-riżultat ta' deliberazzjonijiet dettaljati tal-gruppi li jsawru l-Bord tat-Tmexxija kif ukoll mal-Istituzzjonijiet tal-Unjoni.
Ara wkoll:
- Il-programm annwali ta' hidma 2013
- Deskrizzjoni fil-qosor tal-programm mifrux fuq erba' snin, 2013-2016
- L-Ewropa fix-xogħol: Ħajja u opportunitajiet aħjar għal kulħadd il-programm mifrux fuq erba' snin, 2009-2012.
L-Eurofound twettaq riċerka fuq talba?
L-Eurofound twettaq riċerka biss fuq il-bażi tal-Programmi ta' Ħidma adottati mill-Bord ta' Tmexxija tagħha. Madankollu, f'oqsma li għandha dejta ezistenti dwarhom, toffri servizz limitat ta' rapporti personalizzati lil organizzazzjonijiet ċentrali ta' partijiet interessati.
Min iħallas għall-Eurofound?
Il-finanzjament tal-Eurofound huwa parti mill-baġit ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea u l-fondi allokati lilha huma deċiżi fil-proċess baġitarju uffiċjali bejn il-Kummissjoni, il-Kunsill tal-Ministri u l-Parlament Ewropew. Il-baġit tal-Eurofound għall-2013 huwa ta' €16,895,000.
Ix-xogħol tal-Eurofound jigi evalwat?
L-Eurofound hija meħtieġa 'twettaq evalwazzjonijiet ex-ante u ex-post regolari tal-programmi u l-attivitajiet', skont l-artikolu 25 tar-Regolament Finanzjarju (.pdf, 297KB). Il-funzjoni ta' monitoraġġ u evalwazzjoni hija parti mill-Unità ta' Appogg Operattiv u tiżgura l-evalwazzjoni regolari tal-programmi u l-attivitajiet tal-Eurofound skont il-prattika tajba ta' evalwazzjoni. Ir-rapporti minn evalwazzjoni esterna huma ppubblikati fuq il-websajt.
Kif nista' nsir naf iktar?
Ir-riżultati tal-programmi ta' riċerka tal-Eurofound huma ppubblikati u huma disponibbli, ħafna drabi b'xejn, mit-taqsima tal-pubblikazzjonijiet ta' din il-websajt. Il-membri tal-pubbliku jistgħu jitolbu aċċess għal dokumenti interni soġġett għal ċerti kondizzjonijiet. Ġie stabbilit, u maż-żmien ser ikompli jiġi żviluppat, reġistru tad-dokumenti interni li huma disponibbli sabiex jitniżżlu. Hija offruta firxa sħiħa ta' servizzi ta' informazzjoni.
Kif nista' mmur l-Eurofound?
L-Eurofound tinstab fin-Nofsinhar tal-belt ta' Dublin, madwar 16-il kilometru miċ-ċentru tal-belt u madwar siegħa l-bogħod bil-karozza mill-ajruport ta' Dublin. L-indirizz huwa: Loughlinstown House, Wyattville Road, Dublin 18. Ara l-informazzjoni dwar it-trasport.
Il-faċilitajiet tal-Eurofound huma disponibbli għall-kiri?
Iċ-Ċentru tal-Konferenzi Raymond-Pierre Bodin jista' jinkera. Is-sala ewlenija, li tilqa' sa 120 parteċipant, ġiet mgħammra bit-teknologija tal-ogħla żvilupp tekniku u għandha disat ikmamar għall-interpretazzjoni mibnija skont l-istandards tal-ISO. Hemm disponibbli wkoll kmamar tal-laqgħat iżgħar, u ħafna minnhom jinstabu fil-bini storiku Loughlinstown House.
Biex tirriżerva ċ-ċentru tal-konferenzi jew biex tara huwiex disponibbli, jekk jogħgbok ikkuntattja lil ConferenceCentre@eurofound.europa.eu jew ċempel fuq +353 1 204 3100.